'Taħt Tliet Saltniet' ta’ Ġużè Aquilina

23/03/2013 14:08

 

L-era li fiha jseħħu l-avvenimenti ta’ dan ir-rumanz kienet waħda ta’ revoluzzjonijiet. Fl-Amerka, il-ġlieda għall-ħelsien kissret il-ktajjen tas-serviliżmu. Fi Franza, waħda mill-aktar revoluzzjonijiet imdemmija kienet għadha kif spiċċat u madwar l-Ewropa kollha l-għajta għall-ġustizzja u l-ugwaljanza bdiet tinstama’ minn renju għal ieħor. F’Malta, fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann, din l-għajta bdiet tinstama’ wkoll...

 

 

 

Xi ħaġa dwar l-awtur...

 

Stampa:GuzeAquilina.jpg

 

Aquilina sar l-ewwel Professur tal-Malti u l-Ilsna Orjentali, fl-1937, kariga li sfruttaha kemm felaħ għat-tixrid u t-tagħlim tal-ilsien Malti. Niftakru li kien biss tliet snin qabel, fl-1934, li l-Malti sar l-ilsien uffiċjali tal-pajjiż. Bħala student universitarju Aquilina ħadem spalla ma’ spalla mal-Prof Saydon fil-ġlieda għall-Malti fi żmien il-Kwistjoni tal-Lingwa.

Aquilina kkontribwixxa wkoll hafna għall-iżvilupp tal-letteratura bil-Malti b’numru ta’ drammi, antoloġiji, poeżiji, kritika letterarja, u ħafna kitbiet f’ġurnali. Flimkien mal-Prof Saydon ħareġ l-antoloġija Ward ta’ Qari Malti (1940).

Aquilina kien jemmen bis-sħiħ li l-kultura għandha tkun fil-qabda tal-ikbar udjenza possibli. Għal snin twal kien ixandar taħdidiet fuq ir-radju dwar aspetti varji tal-kultura u ċ-ċiviltà, li iktar tard ftit minnhom ġabarhom u ppubblikahom. Kien jagħmel diskorsi u jindirizza seminars fuq ħafna suġġetti. Prof Daniel Massa, poeta u Kap tad-Dipartiment tal-Ingliż, student ta’ Aquilina, jgħid li l-imħabba ta’ Aquilina għall-ilsien u l-viżjoni tiegħu ta’ xogħlijiet mill-aqwa bil-Malti kienet ta’ ispirazzjoni għal ġenerazzjonijiet ta’ studjużi u awturi Maltin.