Min Kien Dun Karm?

30/10/2011 21:46

 

Din is-sena qegħdin niċċelebraw 50 sena mill-mewt tal-poeta nazzjonali. Min kien Dun Karm u għaliex inqisuh bħala l-poeta nazzjonali? Ejja nsiru nafu ftit aktar dwaru...

Dun Karm (1871-1961) twieled f’Ħaż-Żebbuġ fit-18 ta’ Ottubru 1871. Għalkemm ommu u missieru kienu t-tnejn bdiewa, missieru spiss kien ibaħħar bejn Malta u l-Greċja u artijiet oħra u għalhekk Dun Karm bena relazzjoni aktar mill-qrib ma’ ommu. Huwa beda l-istudju tiegħu fl-Iskola Primarja tal-Gvern ġewwa r-raħal tiegħu, u aktar tard studja wkoll is-Seminarju. Ta’ 23 sena ġie ordnat qassis u anke beda jgħallem is-Seminarju stess.

Fl-1896 ħareġ l-ewwel ktieb ta’ versi bit-Taljan, Foglie d’alloro, ġabra ta’ sebgħa u tletin poeżija li kiteb bejn is-sbatax u l-erbgħa u għoxrin sena ta’ ħajtu.

Waħda mill-ġrajjiet li ħallew effett kbir fuqu kienet il-mewt ta’ ommu fl-1909. Ma’ din il-kriżi ssieħbet oħra ftit wara, meta fl-1910 l-awtoritajiet tal-Knisja ġiebu minn Ruma lill-Kardinal La Fontaine biex jifli l-qagħda ekkleżjastika tal-gżira. Ir-riforma laqtet sewwa lis-seminarju fejn kien jgħallem Dun Karm u ġiebet bidla sħiħa fil-ħajja tal-poeta għax ma tħalliex jgħix u jorqod aktar fil-bini tas-seminarju. Minflok, huwa sab ruħu maqtugħ mill-ambjent li ħabb u beda jgħix f’solitudni kbira. Hu stess jistqarr kif ħassu “midfun ħaj fi tliet kmajriet fil-Belt fejn ma kont naf lil ħadd u ħadd ma kien jafni”. Imma f’din id-dar li tinsab fi Triq l-Ifran fil-Belt u li għex fiha f’iżolament sħiħ għal 26 sena kiteb uħud mill-aqwa xogħlijiet tiegħu.

Kien fl-1912 meta għodwa waħda, Mons. Pawl Galea u Ġużè Muscat Azzopardi ltaqgħu ma’ Dun Karm fil-Palazz il-Belt u talbuh jiktbilhom poeżija bil-Malti għal rivista bl-isem Il-Ħabib. Kellha tkun din l-okkażjoni li wara snin twal ta’ kitba bit-Taljan ħajritu jibda jikteb bil-Malti. L-ewwel poeżija tiegħu bil-Malti, ‘Quddiem Xbieha tal-Madonna’ dehret fl-ewwel ħarġa ta’ Il-Ħabib fl-1 ta’ Frar 1912, meta kellu 40 sena. Minn dakinhar huwa baqa’ jikteb bil-Malti u poeżiji bħal ‘L-Innu Malti’, ‘L-Għanja tar-Rebħa’, ‘Lil Malta’, ‘Għal Dun Mikiel Xerri’, ‘Lil Mikiel Anton Vassalli’ u ‘Wied Qirda’ wassluh biex ikun magħruf bħala l-poeta nazzjonali. Aktarx, madankollu, l-aqwa biċċa xogħol tiegħu hi ‘Il-Jien u Lil hinn Minnu’ – poeżija twila li hu stess iddefinieha bħala “għanja tal-moħħ, tal-qalb u tar-ruħ”.

Dun Karm miet fl-isptar tal-Blue Sisters fit-13 ta’ Ottubru ta’ l-1961.

 

                                         Informazzjoni meħuda minn Borg, J. P., http://www.akkademjatalmalti.com [10.04.2002]