'Kulħadd bl-Istorja Tiegħu' ta' Carmel G. Cauchi

04/09/2012 00:12

 

Dan huwa rumanz għaż-żgħażagħ, u adolexxenti  minn 13-il sena ’l fuq.

Il-ġrajja ddur fuq grupp ta’ tfajliet u ġuvintur li jiltaqgħu ta’ kull lejla  fi klabb imwaqqaf apposta għalihom iż-żgħażagħ. Kif jixhed isem ir-rumanz, iż-żgħażagħ protagonisti għandhom ilkoll l-istorja tagħhom. Stejjer differenti ta’ karattri differenti. Xi wħud jiffittjaw u oħrajn jikklaxxjaw. Fost it-temi trattati hemm il-bullying, id-drogi, l-anorexia, l-alkoħoliżmu, il-piercing u t-tattoos, ir-relazzjoni mal-ġenituri, l-ewwel imħabba, il-fastidju sesswali, il-ġibda ta’ tfajla għal raġel miżżewweġ, il-ħajra għas-suwiċidju, il-mewt… u oħrajn. Jiżvolgi wkoll plot dwar misteru li fih isibu ruħhom tnejn mill-ġuvintur tal-grupp u jibqgħu jitħabtu sakemm isolvuh.

Il-ktieb ikopri 176 paġna u għandu qoxra attraenti bil-kulur maħduma minn Warren Busuttil fuq disinn ta’ Davida Flores.

Kollox ma’ kollox, li dan ir-rumanz għandu l-ingredjenti li jagħmluh interessanti għaż-żgħażagħ.

 

 

Ftit dwar l-awtur

Carmel Cauchi Huwa membru attiv fl-Eżekuttiv Ġenerali tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (M.U.S.E.U.M.) Huwa msieħeb fl-Għaqda Poeti Maltin u fl-Akkademja tal-Malti.


ll-ġibda għall-kitba ħassha sa minn tfulitu u baqgħet tikber miegħu. Cauchi huwa kittieb ta' proża, poeżija u drammi, u jikteb kemm għat-tfal kif ukoll għall-kbar. Xogħlijiet tiegħu xxandru fuq il-mezzi tax-xandir, u dehru fil-ġurnali, f'rivisti letterarji u f'antoloġiji kemm lokali kif ukoll barranin. Cauchi kien bosta drabi ppremjat f'konkorsi letterarji lokali u xi drabi wkoll l-ltalja. Ingħata fost l-oħrajn il-premju prestiġjuż "Città di Valletta" fl-1986. Fl-2006 rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, għal- Letteratura għat-Tfal u Adoloxxenti, Taqsima Poeżija.

Għal aktar informazzjoni tista' żżur is-sit tiegħu fuq http://www.carmelgcauchi.com