'Is-Sitt Aħwa' ta' John A. Bonello

23/03/2013 14:01

 

L-Imxajtan fl-aħħar ħareġ minn fejn eluf ta’ snin ilu safa msakkar minn ħutu stess. L-għan tiegħu li jkun mill-ġdid setgħan fuq kollox u fuq kulħadd. Iżda jonqsu xi ħaġa li mingħajrha ma jista’ qatt ikun sħiħ. U qed ifittixha.

Taħt il-kmand ta’ Baal, Sultan tad-Dlamijiet u alla tal-ħin, Ulied il-Lejl bdew jinġabru fuq id-dinja kollha sabiex iwieġbu għas-sejħa tal-imgħallem tagħhom. Minn fejn jgħaddu, iħallu biss ħerba u mwiet.

U l-logħba, kif se tintemm?

 

 

Xi ħaġa dwar l-awtur...

 

 

John A. Bonello twieled fil-11 ta’ Ġunju 1976 u kiber f’Ħad-Dingli, fejn għadu jgħix sal-lum il-ġurnata. Huwa studja l-arti minn età żgħira, flimkien mal-lingwi u d-disinn. Madankollu, ħa rotta kompletament differenti fil-karriera tiegħu meta kompla javvanza fl-istudji billi kiseb Diploma Avvanzata fl-Informatika. Fl-2008 huwa ngħata Ġieħ Ħad-Dingli għall-ewwel ktieb tiegħu, ‘It-Tielet Qamar’. Fl-2011 kiseb ukoll iċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi mill-Università ta’ Malta u fl-istess sena rebaħ l-ewwel premju fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għat-tieni xogħol tiegħu, ‘L-Aħħar Ħolma’.