'Il-Każ (kważi) kollu tal-aħwa De Molizz' ta' Clare Azzopardi

22/10/2011 22:07

 

Clare Azzopardi twieldet fl-1977 u bdiet taħdem fil-qasam tal-kotba edukattivi għat-tfal bil-kitba u l-kumpilazzjoni ta’ diversi serje għall-istudenti żgħar. Hija tikteb ukoll għall-palk u għandha diversi xogħlijiet tradotti, fosthom għall-Ingliż, għaċ-Ċek, il-Latvjan, l-Ungeriż, l-Olandiż, it-Taljan u l-Ġermaniż. Fl-2009 ippubblikat l-ewwel rumanz tagħha għat-tfal, Il-Każ (kważi) Kollu tal-Aħwa De Molizz, li kien rebbieħ tal-ewwel premju fil-kategorija Proża għat-Tfal. Għal aktar informazzjoni dwar l-awtriċi u dan ir-rumanz, tistgħu żżuru http://www.clareazzopardi.com/
 


It-triq raha stramba dakinhar. Ra kollox iħares lejh. Ħaffef il-pass u malli daħal fil-ġnien tal-FATRAS rah iberraqlu u jħarislu bl-ikrah. "Naħseb li għadni stordut," gedwed minn taħt l-ilsien. Imbagħad fetaħ il-bieb, għamel l-ewwel pass u tgerbeb fl-ewwel ħolma ... tfal ġejjin għalih minn kullimkien u jissuttawlu l-kotba ...

Is-Surmast ġej għalih bil-fire extinguisher, Miss Bella tissuttalu ċ-ċertifikati u Cornelius Van Deemter lest biex iwaddablu meteorita … Bumm dahru mal-art, x'daqqa dik! U hekk kif kien, seta' jara l-kotba tal-Matematika mas-saqaf u għajjat, "Din żgur xi ħolma kerha!" Qam bil-ġirja u mar dritt għall-kamra tal-banju biex jaħsel wiċċu u malli fetaħ il-bieb, is-sħaħar u l-mostri kollha maqbudin fl-avventuri tat-tfal bdew jattakkawh. Min jiġbidlu l-mustaċċi, min joqorsu, min jigdmu ...

Dan għadu biss l-ewwel każ tal-aħwa De Molizz. U s'issa waqqgħu biss skola waħda! Bħalissa Saver u Klawdjo qegħdin mistoħbijin xi mkien ... min jaf x'għandhom lest għalija u għalik!

Illustrazzjonijiet: Mark Scicluna

Merlin Publishers
2009