'Ħrejjef mir-Repubblika Ċeka' ta' Immanuel Mifsud

23/03/2013 13:59

Għaddi lejn l-għelieqi kbar jew sal-foresti tar-Repubblika Ċeka u oqgħod issemma’ sew għal kull ħoss u osserva kull ċaqliqa. Dawn jafu jkunu ta’ xi prinċipessa dejjem tiżfen, jew il-passi tas-suldat li kien tant kuraġġuż li qatel anki lid-dimonju. Imma tibża’ sejn – dawn il-ħrejjef Ċeki tant huma sbieħ li l-kbar għandhom jirakkuntawhom lit-tfal sal-lum il-ġurnata. U issa hawn min se jirrakkuntahom lilek ukoll.

 

 

Ftit dwar l-awtur...

 

 

Immanuel Mifsud twieled f’Settembru tal-1967 u kiber f’Raħal Ġdid. Ta’ sittax-il sena beda jikteb il-poeżija u waqqaf il-grupp letterarju Versarti fil-Liċeo fejn studja l-Malti, l-Ingliż u l-Filosofija. Kiteb ukoll u dderieġa diversi drammi, anke tul is-snin li fihom kien student l-università. Fl-1989 waqqaf ukoll ‘It-Teatru tal-Għomja’ u aktar tard, fl-1996 it-‘Teatru Malta Kwitt’, bl-aħħar produzzjoni tiegħu bl-isem ta’ ‘Il-Ħames Lamentazzjonijiet ta' Sara’. Mifsud irritorna għat-teatru fl-2004, fejn ittraduċa u dderieġa The Seagull ta’ Anto Chekhov għat-‘Teatru Ad Hoc’. Mifsud huwa involut fl-organizzazzjoni ta’ konferenzi marbuta mat-teatru mill-Istitut tal-Mediterran fl-Università ta’ Malta. Huwa dderieġa wkoll l-ewwel Festival tal-Poeżija Internazzjonali organizzat mill-Kunsill Malti għall-Arti f’Settembru tal-2004. Mifsud huwa lekċerer tal-letteratura Maltija fl-Università ta’ Malta u fil-Junior College.