'Ġiżimin li Qatt ma Jiftaħ' ta' Oliver Friggieri

09/06/2013 01:02

B'taħlita ta' tifkiriet u immaġinazzjoni dan ir-rumanz jibni l-ambjent tas-snin ħamsin biex jippreżenta l-mixja lejn il-maturità fi ħdan familja ċkejkna. Il-ġrajja sseħħ f'Malta, iżda hi miktuba b'mod li tista' sseħħ kullimkien. Kwadri differenti jsawru bejniethom dinja magħluqa waħda li minnha tingħaraf ir-realtà fil-kumplessitajiet tagħha. L-istorja timxi bla waqfien lejn il-qofol, waqt li tixħet dawl fuq ħajja li tbiddlet ħafna.

 

Gizimin Li Qatt Ma Jiftah

 

Ftit dwar l-awtur...

 

Oliver Friggieri huwa poeta, rumanzier u kritiku. Fuq kollox ħassieb ewlieni li kompla jiskolpi l-identità nazzjonali tal-Maltin. Huwa l-awtur ta' numru kbir ta' kotba ta' diversi ġeneri, maħruġa f'Malta kif ukoll u f'diversi pajjiżi barranin. Ir-rumanzi, in-novelli u l-poeżiji tiegħu nqalbu f'diversi lingwi. Il-kotba tiegħu dehru bl-Ingliż, bit-Taljan, bil-Franċiż, bil-Maċedonjan, bis-Sloven, bis-Serbo-Kroat, bil-Grieg, bir-Rumen, bl-Għarbi, bil-Bengali u bl-Urdu. L-istudji tiegħu, bl-Ingliż u bit-Taljan, dehru f'għadd ta' rivisti akkademiċi madwar id-dinja.

Ħa sehem f'iktar minn sittin kungress internazzjonali tal-Letterarura u rebaħ diversi premjijiet internazzjonali. Qaleb għall-Malti bosta xogħlijiet mil-Latin, Ingliż u Taljan. Huwa wkoll lekċerer ġewwa l-Università ta' Malta fil-letteratura Maltija.